Menu Arrow Paġna ewlennija Menu Arrow Ikkuntatjana Menu Arrow Mappa tas-Sit
 
  Il-President ta` Malta - Is-sit Ufficjali
 
The President of Malta
spacer
spacer
 
Spacer
Menu Arrow

Il-President ta' Malta

Menu Seperator
Menu Arrow

Il-Presidenti

Menu Seperator
Menu Arrow

Il-Kostituzzjoni ta' Malta

Menu Seperator
Menu Arrow

Il-Rwol tal-President

Menu Seperator
Menu Arrow

L-Uffiċċju tal-President

Spacer
Spacer
Spacer
Menu Arrow

Ir-Repubblika ta' Malta

Menu Seperator
Menu Arrow

Simboli Nazzjonali

Menu Seperator
Menu Arrow

L-Innu Malti

Menu Seperator
Menu Arrow

Gwida Virtwali

Menu Seperator
Menu Arrow

Is-Sala tal-Ambaxxaturi

Menu Seperator
Menu Arrow

Is-Sala tal-Arazzi

Menu Seperator
Menu Arrow

Is-Sala tat-Tron/Is-Sala tal-Gran Kunsill

Menu Seperator
Menu Arrow

Is-Sala tal-Paggi

Menu Seperator
Menu Arrow

Il-Palazzi tal-President

Menu Seperator
Menu Arrow

Il-Palazz, Il-Belt Valletta

Menu Seperator
Menu Arrow

Il-Palazz ta' San Anton

Menu Seperator
Menu Arrow

Il-Palazz Verdala

Menu Seperator
Menu Arrow

Dati Importanti – Storja ta’ Malta

Spacer
Spacer
Spacer
Menu Arrow

Il-Malta Community Chest Fund

Spacer
Spacer
Spacer
Dħul : Il-Palazzi tal-President : Il-Palazz, Il-Belt Valletta

Il-Palazz, Il-Belt Valletta

Il-Palazz jinsab proprju fil-qalba tal-belt Valletta, Belt ta’ Patrimonju Dinji mibnija mill-Ordni Militari Sovran tal-Kavallieri Ospitaljeri ta’ San Ġwann wara l-Assedju l-Kbir ta’ Malta fl-1565.  Minbarra li hu l-Uffiċċju tal-President, il-Palazz iservi wkoll bħala s-sede tal-Kamra tar-Rappreżentanti, u hu mżejjen b’armerija, li tixhed il-kisbiet il-kbar li għamel l-Ordni fiż-żminijiet imgħoddija.

Kien fi żmien il-ħakma tal-Granmastru Jean de La Cassiere (1572-1581) illi ttellgħet l-ewwel binja f’dan il-post bil-għan li tintuża bħala l-Palazz tal-Granmastru.  Il-Granmastri li ġew wara komplew ikabbru u jsebbħu din il-binja oriġinali sakemm għall-ħabta ta’ nofs is-seklu 18, il-Palazz ħa s-sura li għandu llum.  Wara l-ħakma tal-Franċiżi bejn l-1798 u l-1800, il-Palazz ittieħed mill-amministrazzjoni Ingliża u beda jservi bħala l-Palazz tal-Gvernatur.  Il-Palazz ra wkoll l-iżviluppi kostituzzjonali ta' Malta minħabba li kien is-sede tal-ewwel Parlament Kostituzzjonali fl-1921 u, wara l-Indipendenza tal-1964, sar is-sede tal-Parlament kif ukoll tal-Kap tal-Istat.

 

Wieħed mill-kurituri tal-Palazz



Is-Sala tat-Tron

Is-Sala tat-Tron/Is-Sala tal-Gran Kunsill

 


Is-Sala tat-Tron, magħrufa għall-ewwel bħala s-Sala tal-Gran Kunsill jew Sala del Maggior Consiglio, inbniet oriġinarjament fi żmien il-ħakma tal-Granmastru La Cassiere (1572-1581). Il-Granmastri ta’ wara kienu jużaw din is-sala biex fiha jilqgħu ’l-ambaxxaturi u dinjitarji għoljin oħrajn li kienu jiġu jżuru l-gżira. Matul il-ħakma Ingliża, din is-sala bdiet tissejjaħ bħala s-Sala ta’ San Mikiel u San Ġorġ b’rabta ma’ l-Ordni Kavalleresk għal Malta u l-Gżejjer Joniċi mwaqqaf f’dawk iż-żminijiet. Bħalissa din is-sala tintuża mill-President ta’ Malta waqt funzjonijiet statali.

L-affreski li jżejnu dawramejt in-naħa ta’ fuq tal-ħitan tas-sala jirrappreżentaw ġrajjiet ewlenin li seħħew tul l-Assedju l-Kbir ta’ Malta fl-1565 u huma xogħol il-pittur Matteo Perez d’Aleccio (1547-1616) li tħarreġ f’Ruma.  L-arma tal-Granmastru Jean de Valette (1557-1568), li hemm fid-daħla tal-ħajt ta’ wara l-gallerija tal-karakka Sant'Anna, tpittret minn Ġużeppi Calì, l-aktar pittur magħruf f’Malta fil-bidu tas-seklu 20. Fl-1818, l-Ingliżi biddlu għal kollox din is-sala billi ksew il-ħitan li jdawruha b’elementi arkitettoniċi neoklassiċi fuq disinn tal-Logotenent Kulunell George Whitmore. Dawn tneħħew fil-bidu tas-seklu 20. Jingħad li l-gallerija tal-karakka Sant’Anna tqiegħdet f’din is-sala wara li ttieħdet mill-kappella tal-Palazz fejn x’aktarx kienet tinsab oriġinarjament.  Interessanti ħafna huwa s-saqaf tal-injam, mimli panewijiet,  kif ukoll il-linef bi stil li jmur lura għall-aħħar tas-seklu 18 li jżejnu ’l din is-sala.


Is-Sala tal-Arazzi

Is-Sala tal-Arazzi



Din is-sala kienet oriġinarjament il-post fejn kien jitlaqqa’ l-Kunsill tal-Ordni ta’ San Ġwann u fejn il-Granmastru kien jiddiskuti t-tmexxija tal-Ordni u tal-gżira ma’ kavallieri ewlenin. Aktar tard, l-Ingliżi użaw din is-sala kemm għal avvenimenti uffiċjali kif ukoll għal laqgħat soċjali. Tul il-ħakma Ingliża, din is-sala kienet ukoll il-post fejn kien jitlaqqa’ l-Kunsill Leġiżlattiv.  Aktar tard f’din l-istess sala bdiet tiltaqa’ l-ewwel Assemblea Parlamentari ta’ Malta mwaqqfa bis-saħħa tal-Kostituzzjoni tas-Self Government mogħtija mill-Gvern Ingliż fl-1921 wara l-irvelli tal-Maltin. Fl-1976 f’din is-sala nżammet l-aħħar seduta parlamentari minħabba li dik li qabel kienet l-Armerija tal-Palazz issa nbidlet fil-Kamra tal-Parlament il-ġdida.    

L-arazzi li hemm iżejnu din is-sala kienu ntisġu apposta għaliha fil-Fabbrika Rjali ta’ Gobelins fi Franza u kien ħallas għalihom il-Granmastru Valenzjan Ramon Perellos y Rocaful (1697-1720).  Dawn l-arazzi, magħrufa bħala Teintre des Indes, inbdew fl-1708 u tlestew sentejn wara, fl-1710.  Ix-xogħol fuq dawn l-arazzi tnebbaħ minn disinji li l-Prinċep Olandiż Johan Maurtiz kien ippreżenta lir-Re Lwiġi XIV ta’ Franza fl-1679 u li kienu juru pjanti u annimali eżotiċi. Eventwalment, tħejjew pitturi msejsa fuq dawn id-disinji u li minnhom tfasslu tpinġijiet skont il-qisien proprja u li ntużaw biex fuqhom ħadmu n-nissieġa. Dan is-sett ta' arazzi huwa l-uniku wieħed sħiħ li nafu bih minn fost il-ftit settijiet ta’ Teintures des Indes li qatt intisġu.      

Ta’ interess partikulari f’din is-sala huma s-saqaf tal-injam mimli panewijiet kif ukoll l-affreski li jdawru l-ħitan u li juru xeni minn battalji navali mmexxija mill-Ordni kontra l-Ottomani.  


Is-Sala tal-Pranzu

Is-Sala tal-Pranzu



Is-Sala tal-Pranzu jew tal-Ikel inbniet mill-ġdid wara li ġġarrfet mill-għadu matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Matul il-ħakma Ingliża, nafu li din is-sala kienet imżejna b’pitturi uffiċjali ta’ rejiet u rġejjen Ingliżi u b’xogħlijiet tal-arti oħrajn.  Il-pitturi li hemm imdendlin bħalissa mal-ħitan juru l-Kapijiet tal-Istat Malti li kellu l-pajjiż sa minn mindu Malta ħadet l-Indipendenza fl-1964.


Is-Sala tal-Paġġi

Is-Sala tal-Paġġi



Il-Sala tal-Paġġi, li kienet x’aktarx tintuża minn bosta paġġi li kienu jkunu qed jistennew lill-Granmastru, oriġinarjament kienet sala li tagħti għall-appartamenti privati tal-Granmastru, fosthom għall-kappella privata tiegħu u għas-Sala tat-Tron, ilkoll mibnija matul il-ħakma tal-Granmastru Hughes Loubenx de Verdalle (1582-1595). 

L-affreski li jdawru l-ħitan ta’ dawn il-kmamar u li jagħtu għal xulxin jingħad li huma xogħol Lionello Spada u li tpittru fl-1609, ftit żmien wara li Michelangelo Merisi da Caravaggio ħarab minn Malta. L-affreski jiddeskrivu xeni mill-istorja tal-Ordni qabel ma dawn ingħataw il-gżejjer Maltin b’fewdu mir-Re ta’ Spanja Karlu V fl-1530.  Dawn l-affreski jintrabtu flimkien f'nisġa waħda mal-affreski li hemm iżejnu s-Sala tat-Tron u li b’mod viżiv juru l-istorja tal-Assedju l-Kbir ta’ Malta.   Ta’ interess partikulari huma l-firxa wiesgħa ta’ xogħlijiet tal-arti misjuba f’din is-sala fosthom pitturi u għamara.   


Is-Sala tal-Ambaxxaturi

Is-Sala tal-Ambaxxaturi


Din is-sala tintuża mill-President ta’ Malta waqt avvenimenti statali importanti fosthom meta l-kabinett il-ġdid tal-ministri u uffiċjali governattivi oħrajn jieħdu l-ġurament tal-ħatra. Din is-sala tintuża wkoll waqt żjarat statali minn dinjitarji barranin kif ukoll meta l-ambaxxaturi l-ġodda għal Malta jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom.  Nafu li tul il-ħakma Ingliża, din is-sala ntużat ukoll bħala l-post fejn titlaqqa l-kamra tal-kummerċ. Ta’ interess partikulari hija l-firxa sħiħa ta’ pitturi li hemm idawruha u li jirrappreżentaw rejiet, irġejjen u dinjitarji tas-seklu 17 u 18. Ta’ interess partikulari huma l-pitturi ta' Granmastri varji tal-Ordni ta' San Ġwann kif ukoll biċċiet tal-għamara li jżejnu l-kurituri tal-Palazz. Mal-art tal-irħam ta' nofs is-seklu dsatax nilmħu l-armi ta' xi wħud mill-Granmastri ewlenin tal-Ordni li ħakmu fuq Malta kif ukoll emblemi nazzjonali u simboli statali.

Ċaħda Footer Seperator Segretezza Personali Footer Seperator Drittijiet ta' l-Awtur Footer Seperator Stqarrija Dwar l-Aċċessibilita’ Footer Seperator Għajnuna Footer Seperator Mappa tas-Sit Footer Seperator Ikkuntattjana Footer Seperator Immarka dan is-sit (Ctrl+D) Footer Seperator Dħul
 
GOV Logo Government of Malta
© The office of the Prime Minister
Developed by Alert Communications