Ġie mwaqqaf kumitat mmexxi mill-President Emeritus L-E.T. Dott. Ugo Mifsud Bonnici, flimkien ma' Anna Bonanno, Dr. Nigel Camilleri u Dr. Andrew Azzopardi li fasslu kriterji u regoli għal dan il-premju tal-Volontarjat, taħt il-Patroċinju distint tal-E.T. il-President George Abela bis-segratarja Darleen Zerafa.
Pajjiżna qatt ma kien jasal fejn wasal illum mingħajr il-kontribut qawwi tax-xogħol volontarju. Ħafna mill-attivitá fil-qasam sportiv, fil-qasam kulturali, fil-qasam reliġjuż, fil-qasam soċjali, fl-organizazzjoni tal-partiti politiċi, issir minn dawk li jaħdmu jew bla ħlas jew bi ħlas minimu. Saħansitra fil-ħidma ekonomika, hemm ħafna xogħol li jsir jew bi ħlas baxx, iżda bil-qalb, jew anki mingħajr ħlas ta' xejn.
Mhux dejjem niftakru li f'żewġ okkażjonijiet tal-ikbar importanza fl-evoluzzjoni kostituzzjonali u l-mixja lejn l-indipendenza u d-demokrazija f'pajjiżna,( 1919-1921 u 1946-47) kienu l-għaqdiet tas-Soċjetá Ċivili, iffurmati u mmexxija minn voluntieri, li sawru l-Kostituzzjonijiet għall gvern tal-Maltin.L-Assemblea Nazzjonali, fiż-żewġ okkażjonijiet kienet iffurmata minn għaqdiet volontarji.
Kieku l-membri tal-Kumitati tal-Każini tal-Baned, tas-soċjetajiet sportivi, tal-għaqdiet reliġjużi, tal-kumitati sezzjonali tal-partiti politiċi, tal-għaqdiet tat-teatru, kellhom kollha kemm huma jitolbu l-ħlas ta' dak kollu li jagħmlu, kieku jieqaf kollox. Wieħed irid ifakkar it-tagħlim tad-duttrina lit-tfal u żgħażagħ, li f'Malta u Għawdex isir kuljum minn voluntiera bla ħlas. Hemm xogħol kbir fil-kura u l-assistenza ta' tfal, morda u anzjani, li billi ma jkunx organizzat minn xi għaqda, jibqa anonimu għal ħafna li ma jkunux dawk direttament megħjuna.
L-stess Kunsilli tal-Gvern Lokali, li jwettqu tant ħidma, huma komposti minn voluntiera, li ghalkemm jinghataw kontribuzzjoni zghira ċertament ma jneħħulhomx il-kwalifika ta' voluntiera.
Jixraq li l-pajjiż kollu jirrikonoxxi din il-virtừ ta' ħafna minn niesu. Is-sagrifiċċji li jsiru minn tant nies b'sens ta' mħabba lejn ix-xogħol fil-Komunitá u lejn il-proxxmu jagħmluna kburin bħala poplu.
Il-voluntier ma jaħdimx għal ħlas, lanqas għat-tifħir u l-glorja. Kultant lanqas ma jistenna li jkunu jafuhulu. Iżda jixraq li ngħożżu it-teżor tal-volontarjat.
Għal aktar informazzjoni, regoli u kriterji żur is-sit http://www.president.gov.mt/
- Għall-linji gwida agħfas hawn: