"Mill-ewwel ġranet fil-kariga kienet dejjem tbehren f'moħħi li rrid inżur lil dawk il-Maltin li jħallu xtutna biex imorru jagħmlu xogħol fil-missjoni, f'artijiet fejn jirrenja l-faqar u ħafna bżonnijiet. Dawn il-missjunarji Maltin għamlu u qed jagħmlu ħafna ġid fost dawn il-persuni li għalkemm huma ‘l bogħod minn xtutna, xorta huma ħutna li għandhom bżonn dik l-għajnuna materjali u spiritwali."
Hekk esprima l-President George Abela waqt li ħabbar id-dettalji dwar il-Missjoni fil-Perù li se titwettaq fis-sajf li ġej.
Il-President Abela spjega li din iż-żjara hija waħda b'żewġ skopijiet partikulari, dik li jirrikonoxxi l-ħidma tal-Maltin fil-missjoni, u l-istedina li qed ssir liż-żgħażagħ sabiex jakkumpanjawh u jagħmlu esperjenza li tiswa tant għall-formazzjoni tal-karattru tagħhom.
Il-Grupp li se jagħmel din il-missjoni mal-President George Abela, iħalli Malta fil-11 ta' Lulju u jirritornaw fis-26 ta' Lulju.
Il-President Abela spjega li dan il-proġett se jkun issapportjat mill-Malta Community Chest Fund. L-istess Fond se jkun qed jagħti għajnuna finanzjarja lil dawk iż-żgħażagħ li għandhom l-età bejn it-18 u 30 sena u li m'għandhomx impjieg. Fil-Perù l-Malta Community Chest Fund flimkien mal-voluntiera li se jwettqu din l-esperjenza se jkunu qed jibnu żewġ ċentri għat-tfal. Minn Malta se jitlaq kontejner bl-affarijiet kollha li se jkunu ta' użu l-Perù. Il-President Abela għamel appell lil Aġenti li jistgħu jkunu interessati li joffru materjal biex jinbnew kmamar tal-banju, talba ghall-mediċini, ġugarelli għat-tfal u stationery. Saret sejħa partikolari wkoll għal mediċi u paramediċi, nies li jistgħu jagħtu kontribut f'dak li hu xogħol ta' kostruzzjoni kif ukoll dawk li jistgħu joffru xi servizzi edukattivi mat-tfal.
Rachel Vella tal-kumpanija Rocs offriet sapport sabiex instabet l-aktar linja tal-ajru bi prezz vantaġġuż filwaqt li d-Dipartiment tas-Saħħa ta l-kontribut tiegħu billi se joffri t-tilqim kollu meħtieġ għal dawk kollha li se jagħmlu din l-esperjenza b'xejn. It-Tabiba Victoria Farrugia Sant'Angelo tkellmet dwar l-importanza li meta wieħed iżur dawn il-pajjiżi jieħu l-prekawzzjoni meħtieġa u t-tilqim li jipproteġi kontra mard u problemi oħra li jistà jkun hemm f'dawn it-tip ta' pajjiżi.
Fr Louis Mallia tal-MSSP spjega li l-Missjoni fil-Perù ilha għaddejja għal dawn l-aħħar erbgħa u erbgħin sena u jħossu grat lejn il-President ta' Malta li se juri dan ir-rikonoxximent lejn dawk li ilhom jagħtu servizz f'dawn il-pajjiżi.
Dawk li jixtiequ jagħmlu din l-esperjenza jistgħu jniżżlu l-applikazzjoni minn fuq is-sit president.gov.mt jew mccf.org.mt
Għal iktar informazzjoni wieħed jista' jċempel fuq 21226226
Biex tapplika agħfas hawn: Missjoni lejn il-Peru 2012




