OPR- L-Erbgħa 9 ta' Lulju 2008
DISKORS MILL-E.T. DOTT. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA,
WAQT PRANZU UFFIĊJALI MOGĦTI MILL-E.T. IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TA’ L-UKRAINA
U S-SINJURA YUSHCHENKO
KIEV - L-ERBGĦA 9 TA’ LULJU 2008
Eċċellenza u Sinjura Yushchenko,
Sinjura Prim Ministru,
Eċċellenzi,
Sinjuri,
Bi pjaċir ilqajt l-istedina li ġentilment għoġobkom tagħmluli biex inżur l-Ukraina f’din iż-Żjara Uffiċjali. Din hija l-ewwel żjara uffiċjali li qatt saret fl-Ukraina minn Kap ta’ Stat Malti. Din hija xhieda ta’ kemm huma tajbin ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna u tad-djalogu kostruttiv li qed jinbena bejn iż-żewġ pajjiżi.
Matul il-ġurnata ħadt l-opportunita’ li nagħti lemħa għall-ġmiel ta’ pajjiżkom u ammirajt il-laqgħa kordjali tal-poplu tagħkom. Ninsab kuntent li qiegħed hawn fostkom illejla biex naqsam magħkom xi ħsibijiet dwar il-pajjiżi tagħna, l-istorja, ir-relazzjoni ta’ bejnietna, postna fl-Ewropa u fid-dinja, kif ukoll it-tamiet u l-aspirazzjonijiet tagħna għall-futur.
Malta tinsab f’salib it-toroq fil-Baħar Mediterran, kważi f’nofs triq bejn Ġibilta’ u l-Kanal tas-Swejz u bejn il-parti ta’ isfel ta’ l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq.
L-Ukraina minn żmien twil ilu kienet meqjusa li tinsab f’salib it-toroq bejn il-Lvant u l-Punent. Illum, l-Ukraina hija meqjusa bħala waħda mill-pajjiżi l-aktar importanti għat-tqassim ta’ l-enerġija fid-dinja billi tipprovdi trasport ta’ żjut u gassijiet mir-Russja u mir-reġjun tal-Kaspju. Meta wieħed jikkonsidra l-istat tas-swieq ta’ l-enerġija fid-dinja llum, wieħed jista’ jifhem aħjar l-importanza strateġika tal-pożizzjoni ta’ l-Ukraina.
Sur President
Peress li pajjiżkom jinsab fuq rotot ta’ kummerċ fejjiedi, bħalna għaddejtu minn esperjenzi ta’ taqlib kbir minħabba l-ġlied u l-antagoniżmu fl-Ewropa. Kemm-il darba pajjiżek safa maqsum u maħkum minn pajjiżi ġirien ta’ qawwa kbira u kull darba rnexxielkom terġgħu tgħaqqdu ‘l pajjiżkom.
Kien biss fl-24 ta’ Awissu 1991 li pajjiżek sar stat indipendenti u Sovran wara x-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika. Fl-istess żmien, intom sirtu ko-fundaturi tal-Komunita’ ta’ Stati Indipendenti.
Mill-indipendenza ’l hawn, l-Ukraina daħlet għall-proċess biex toħloq u tibni nazzjon. Proġett twil u iebes li jenfasizza u jistinka biex juża sa fejn jista’ l-arti tal-kompromess f’demokrazija żagħżugħa biex tilħaq livell ta’ qbil.
Ir-Rivoluzzjoni l-Oranġjo ta’ wara l-elezzjonijiet tal-21 ta’ Novembru 2004, fakkret lid-dinja li l-elettorat baqa’ jżomm poteri kbar biex jikseb b’mezzi paċifiċi partikolarment id-dritt għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti skond normi stabbiliti. Jispikka għalhekk is-suċċess miksub minn pajjiżkom fil-qasam tas-saltna tad-dritt u l-osservanza tad-drittijiet umani.
Sur President
Inti kellek sehem importanti f’dik ir-Rivoluzzjoni liema rwol stajt tistabbilixxi l-kredenzjali tiegħek bħala bniedem li tajt is-sostenn tiegħek għad-demokrazija u saltna tad-dritt. L-elezzjonijiet parlamentari ta’ wara taw xiehda ta’ ġustizzja u liberta’ kif għandu jkun.
Minn mindu lħaqt President, l-Ukraina għamlet il-pożizzjoni tagħha ċara dwar sħubija fl-Ewropa: l-Ukraina taspira lejn sħubija fl-Unjoni Ewropea. Malta hi konvinta li hu fl-interess taż-żewġ pajjiżi li l-proċess ta’ tkabbir fir-relazzjonijiet bejn l-Ukraina u l-Unjoni Ewropea jkompli. F’dan ir-rigward, Malta hija lesta li tappoġġa lill-Ukraina fl-isforzi tagħha li twettaq riformi ta’ natura politika u ekonomika konformi mal-livelli miftehmin ma’ l-Unjoni Ewropea.
Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina huma bbażati primarjament fuq il-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni li daħal fis-seħħ fl-1998, waqt li kienu għaddejjin in-negozjati dwar ftehim aktar dettaljat. Numru ta’ ftehimiet speċifiċi partikolarment dwar aspetti ta’ kummerċ, xjenza u teknoloġija u enerġija nukleari, qegħdin fis-seħħ.
Wara l-aħħar tkabbir, l-Unjoni Ewropea saret l-ikbar sieħeb fil-kummerċ ta’ l-Ukraina bi skambju ta’ 35 fil-mija tan-negozju kollu li tagħmel l-Ukraina. Il-kummerċ ma’ l-Ukraina hu bbażat fuq it-trattament internazzjonali, msejjaħ l-Aktar Pajjiż Favorit, stabbilit taħt il-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni, li jippermetti li jsir kummerċ fi prodotti mingħajr restrizzjonijiet kwantitattivi.
Sur President
Peress li qed nitkellem dwar il-kummerċ, nixtieq nifraħ lill-Parlament Ukranjan għar-ratifikar tal-protokoll ta’ adeżjoni fit-Trattat tal-Organizzazzjoni dwar il-Kummerċ Ħieles li permezz tiegħu l-Ukraina saret il-152 membru ta’ l-iktar organizzazzjoni importanti fid-dinja dwar il-kummerċ. Din ir-ratifika turi b’mod ċar li jeżisti kunsens dwar il-ħtieġa li l-pajjiż jintegra ruħu aktar mill-qrib ma’ l-ekonomija dinjija, irrispettivament mill-interessi ta’ xi setturi partikolari. Bħalma għidt inti stess, meta ffirmajt id-dokumenti ta’ sħubija fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Kummerċ f’Ġinevra fi Frar ta’ din is-sena, is-sħubija għandha tkattar il-Prodott Gross Domestiku u tattira iżjed investiment.
Sur President
Malta rrikonoxxiet l-Ukraina bħala stat sovran u indipendenti fit-23 ta’ Diċembru 1991. F’Awissu ta’ l-istess sena Malta ffirmat Protokoll dwar Kooperazzjoni bejn il-Ministeri ta’ l-Affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi, liema Protokoll jipprovdi għall-konsultazzjonijiet fuq materji ta’ natura bilaterali u l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni fil-qasam politiku, ekonomiku, xjentifiku, tekniku u kulturali. Il-Protokoll jipprovdi wkoll għall-koordinazzjoni fl-attivitajiet internazzjonali taż-żewġ pajjiżi fi ħdan il-qafas tal-Ġnus Maqgħuda u tal-Kunsill għas-Sigurta’ u Kooperazzjoni fl-Ewropa.
F’April tas-sena 2001 taħt il-Presidenza Svediża ta’ l-Unjoni Ewropea, tressaq dokument lill-pajjiżi l-oħra assoċjati ma’ l-Unjoni Ewropea dwar Kooperazzjoni akbar bejn l-Unjoni Ewropea u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ l-Ukraina. Malta wieġbet b’mod pożittiv għal dan id-dokument għax ħadet miżuri biex issaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ l-Ukraina.
F’Diċembru tas-sena 2004, Malta ngħaqdet ma’ pajjiżi oħrajn u għamlet appell lill-partijiet kollha konċernati biex ma jirrikorrux għall-vjolenza u l-intimidazzjoni fuq l-elettorat biex jiżguraw li jkun hemm elezzjonijiet ħielsa u ġusti li jirriflettu r-rieda tal-poplu ta’ l-Ukraina kif ukoll ir-rieda biex iħaddnu l-prinċipji demokratiċi.
Jiena nemmen li wasal iż-żmien biex insaħħu dejjem aktar ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Hemm numru ta’ abbozzi ta’ ftehim li fuqhom sar ħafna xogħol miż-żewġ naħat fi sforz biex jintlaħaq qbil. Dawn l-abbozzi huma, fl-opinjoni tiegħi, fl-aħjar interess tagħna lkoll. Nixtieq nieħu din l-opportunita’, Sur President, li nikkonkludu dawn l-abbozzi sabiex inkunu f’pożizzjoni li ngħollu l-livell tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna.
F’dan ir-rigward, għandi pjaċir ngħid li l-Ftehim dwar Kooperazzjoni fl-Isfera tal-Infurzar tal-Liġijiet se jiġi ffirmat proprju waqt din iż-żjara. Dan hu strument importanti għal kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tagħna t-tnejn li jieħdu ħsieb l-infurzar tal-liġijiet.
Ninsab kuntent li miegħi, għal din iż-żjara uffiċjali, qed jakkumpanjawni delegazzjoni ta’ negozjanti u intraprendituri. Il-preżenza tagħhom hawnhekk tikkonferma l-potenzjal li jeżisti biex insaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-Ukraina u Malta.
Din iż-żjara fl-Ukraina se sseddaq ir-relazzjonijiet bilaterali u tkabbar id-determinazzjoni tagħna biex insaħħu r-rabtiet ta’ bejnietna ta’ kooperazjoni fil-kummerċ, fl-investiment, skambji kulturali u kuntatti bejn iċ-ċittadini tagħna. Nispera li n-negozjanti u l-intraprendituri mill-Ukraina u minn Malta jkollhom ħafna ideat ġodda x’jaqsmu bejniethom u li jirnexxilhom jibdlu dawn l-ideat f’impriżi ta’ negozju.
Sur President
Nixtieq nirringrazzjak mill-ġdid għal-laqgħa ta’ merħba u ospitalita’ li wrejt mad-delegazzjoni tiegħi, ma’ marti u miegħi. Irrid nirreċiproka għal dak li għamilt magħna meta nkun nista’ nilqgħek f’Malta fil-futur qarib.
B'dawn il-ħsibijiet, nistedinkom, Eċċellenzi, Sinjuri, biex nixorbu bis-saħħa tal-President Victor Yushchenko u s-Sinjura Yushchenko u bis-saħħa tal-ħbiberija bejn il-Gvernijiet u l-Popli ta' Malta u tar-Repubblika ta’ l-Ukraina.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |